Il-funzjoni tal-Kumitat tal-Etika fis-Saħħa hija li jirrevedi u jipprovdi l-parir tiegħu fuq il-konsiderazzjoni etika ta’ kwalunkwe proposta ta’ riċerka jew talba għal dejta riferuta lilu għall-evalwazzjoni. Dan jinkludi provi kliniċi u tagħmir mediku inkluż tagħmir mediku dijanjostiku in-vitro. Fit-tħejjija tal-opinjoni tiegħu, il-Kumitat tal-Etika għandu jikkunsidra l-fatturi varji deskritti f’Artiklu 7 tar-Regolamenti dwar Provi Kliniċi (L.S.458.43), l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data (KAP. 586) u kwalunkwe leġislazzjoni oħra applikabbli lokali u tal-UE.
Termini ta' Riferenza
Il-Kumitat tal-Etika fis-Saħħa għandu:
· Jagħti parir lill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa fuq kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dejta li jinqalgħu minn ipproċessar sekondarju ta’ dejta relatata mas-saħħa jew kwalunkwe riċerka proposta.
· Jagħti parir fuq u jeskludi tħassib etiku fi proposti fuq riċerka dwar is-saħħa u provi kliniċi/studji inkluż proposti riferuti għal evalwazzjoni etika mill-Awtorità Maltija tal-Mediċini.
· Jikkollabora mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data fuq kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dejta.
· Jassessja l-osservanza mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Saħħa Mentali (KAP. 525) fejn applikabbli, kif delegat mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali.
· Jagħti parir fuq kwalunkwe kwistjoni etika oħra riferuta lilu mill-Ministeru.